Terremot iħalli 3 mejta u aktar minn 200 imweġġgħa

earthquake damage board

Read in English.

Tela’ għal tlieta n‑numru tal‑Ġappuniżi mejta wara t‑terremot b’qawwa ta’ 6.1 fuq l‑iskala Richter li nħass fiż‑żona ta’ Osaka. Fost il‑vittmi hemm ukoll tifla ta’ disa’ snin. Mal‑200 persuna oħra weġġgħu.

It‑terremot ikkawża l‑waqfien tas‑servizz ferrovjarju, it‑tħassir ta’ sitt titjiriet tal‑ajru minn u lejn l‑ajruport ta’ Kansai, is‑sospensjoni tas‑servizz tal‑gass lil aktar minn 100,000 dar fil‑periferija ta’ Osaka, kif ukoll kien hemm problemi fis‑servizz tal‑elettriku.

Minkejja l‑ħsarat li ġab miegħu dan it‑terremot, ma ġew irreġistrati l‑ebda problemi fil‑power stations nukleari ta’ Takahama, Mihama u Oi.

Dan it‑terremot isegwi dak li nħass ilbieraħ fit‑Tramuntana ta’ Tokjo. Is‑sismoloġi wissew li din hi l‑ikbar attività sismika fiż‑żona ta’ Kansai sa mill‑1923, fejn hemm Osaka, it‑tieni l‑akbar belt fil‑Ġappun b‘numru ta’ abitanti.