Terremot fiċ-ċentru tal-Italja; titqanqal il-biża’

Terremot ieħor fiċ-ċentru tal-Italja qanqal biża’ fiċ-ċittadini tal-inħawi hekk kif dan kien ir-raba’ wieħed rappurtat mill-2016 ’l hawn.
It-tliet terremoti ta’ qabel li kienu affetwaw lil-Lazio, l-Umbria u l-Marche f’Awwissu u Ottubru tal-2016 kienu ħasdu l-ħajja ta’ 299 persuna.
Għaldaqstant ħadd ma jidher li weġġa’ fit-terremot li seħħ dalgħodu, minkejja d-dannu li sar fuq il-binjiet, li diġa kienu sofrew ħsarat fit-terremoti ta’ qabel.
Terremot ta’ forza 4.6 laqat lil Muccia viċin ta’ Maċerata għall-ħabta tal-5am u kien segwit minn tal-inqas tliet theżżiżiet ta’ bejn forza 3 u 4.
Fost id-920 ċittadin fiż-żona fejn saret il-ħsara, 550 qed jgħixu f’akkomodazzjonijiet apposta għal meta jsir xi terremot, madwar 130 persuna qed jgħixu fid-djar tagħhom li ma ġewx affetwati, filwaqt li l-bqija qed jgħixu f’akkomodazzjonijiet oħra jew ma’ xi familjari.
Ritratt: Ansa.it