Terminal 4 f’Heathrow mistenni jibqa’ magħluq sal-aħħar tal-2021

L-ajruport ta' Heathrow

Ir-raba’ terminal  tal-Ajruport ta’ Heathrow fl-Londra mistenni jibqa’ magħluq sal-aħħar tal-2021 minħabba n-nuqqas ta’ passiġġieri.

It-tielet terminal għalaq f’April ta’ din is-sena u warajh għalaq ir-raba’ terminal. It-titjiriet kollha tmexxew għat-tieni u l-ħames terminal.

Fl-aħħar statistika li ħareġ l-ajruport uriet li t-total ta’ passiġġieri matul ix-xahar ta’ Novembru naqas bi 88%. L-ajruport qal li wara n-nuqqas ta’ passiġġieri ttieħdet id-deċiżjoni li r-raba’ terminal jibqa’ magħluq sal-aħħar tal-2021.

L-ajruport appella lill-Gvern biex ma jkomplix bil-pjanijiet tiegħu li mill-1 ta’ Jannar ineħħi x-xiri mingħajr taxxa għall-affarijiet li jinxtraw mir-Renju Unit minn persuni li qed iżuru l-pajjiż. L-ajruport żied li jekk jitneħħa x-xiri mingħajr taxxa, ir-Renju Unit se jkun l-ewwel pajiż fl-Ewropa li mhux se joffri dan lill-persuni li jżuru dan il-pajjiż. Huma wissew li dan jista’ jirriżulta li madwar 2,000 ħaddiem jitilfu xogħolhom fl-ajruport.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport ta’ Heathrow John Holland-Kaye qal li, ”l-2021 għandha sservi biex l-ekonomija Ingliża terġa’ tirkupra, madankollu b’dak li tħabbar riċentament fosthom it-taxxa għat-turisti tista’ tkun l-aħħar daqqa ta’ ħarta għan-negozji, ristoranti, lukandi u teatri li qed isibu diffikultà biex jibqgħu għaddejjin u jiddependu ħafna fuq it-turisti.“