Terġa’ toħroġ pożittiva tliet xhur wara li fieqet mill-coronavirus – Prof. Gauci

Miguela Xuereb

Read in English.

Persuna reġgħet ħarġet pożittiva tliet xhur wara li kienet iddikjarata mfejqa mill-coronavirus. Dan ikkonfermatu l-Professur Charmaine Gauci, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, waqt l-aġġornament dwar il-coronavirus li tat illum il-Ġimgħa.

Hi spjegat kif wieħed mill-każi li nstabu pożittivi lbieraħ, kien dak ta’ persuna li fieqet mill-virus tliet xhur ilu. Spjegat li s-sintomi li għandha din il-persuna huma minimi u m’hemmx bżonn li tiddaħħal l-isptar.

X’ħareġ fil-konferenza tal-lum?
Filmat: 43 każ ġdid; 30 ifiqu

Din il-persuna nstabet pożittiva għall-ewwel darba fit-13 ta’ April u fiqet fis-27 ta’ April. Prof. Gauci spjegat li għadda perjodu mhux ħażin minn meta fieqet din il-persuna u b’hekk is-sitwazzjoni tidher li hija waħda ta’ infezzjoni ġdida. Sostniet li f’każijiet bħal dawn, jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa u jitrattawh daqs li kieku hija infezzjoni ġdida. Qalet li b’hekk, persuna tat-tip terġa’ titpoġġa f’iżolament u jerġa’ jsir il-contact tracing.

Spjegat ukoll kif l-ECDC qed iħejji linji gwida li se jitqassmu fi ħdan il-pajjiżi Ewropej ta’ kif wieħed għandu jaffaċċja każijiet tat-tip.

Xi żvela Newsbook.com.mt fl-aħħar ġimgħat?

Fil-5 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt kien żvela kif pazjent li ma kellu l-ebda sintomi ħareġ pożittiv waqt testijiet ta’ rutina u spiċċa għamel ġimagħtejn kwarantina fid-dar tiegħu sakemm ifiq mill-virus. Qarrej ta’ Newsbook.com.mt qal lill-kamra tal-aħbarijiet li wara ġimgħatejn minn meta nstab pożittiv, sarlu test ieħor u hemm ħareġ li kien negattiv. Hu tħalla joħroġ mill-kwaratina l-ġurnata ta’ wara. Iżda fi żmien ġimgħa, ħareġ li r-raġel kien għadu pożittiv għall-virus u li issa anke kellu s-sintomi relatati.