​Terġa’ tinfetaħ id-dar tat-talb fir-Rabat

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna fetaħ mill-ġdid id-dar tat-talb ‘Lunzjata’ fil-limiti tar-Rabat f’Malta.
Fi stqarrija, il-Kunvent tal-Karmnu ta’ Santa Venera qal li d-dar inftetħet fid-9 ta’ April wara xhur ta’ manutenzjoni. Id-dar titmexxa mill-Patrijiet Karmelitani.
Skont il-Kunvent, “dan il-proġett sar f’għeluq is-600 sena tal-preżenza tal-Karmelitani f’Malta. Il-knisja u l-kunvent li kien imiss magħha, ngħataw lill-Karmelitani fis-sena 1418, filwaqt li fl-1990 infetħet id-Dar tat-Talb, li tilqa’ fiha persuni u gruppi għall-irtiri.”
Id-dar fiha 18-il kamra b’total ta’ 32 sodda, li wħud minnhom huma attrezzati għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Id-dar tilqa’ wkoll gruppi ta’ madwar 50 ruħ għal irtiri ta’ ġurnata. Fil-kumpless insibu wkoll l-Għar ta’ San Anard li hu kappella medjevali.
Min jixtieq jista’ jżur il-post fit-28 u d-29 ta’ April bejn l-10.00 am u l-5.00 pm. filwaqt li għal aktar informazzjoni min jixtieq jista’ jċempel fuq 21459021.