Se terġa’ tingħata ġurnata leave għal festi nazzjonali li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa

Read in English.

Il-Kabinett approva emenda fl-Att dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi Oħra li tagħti ġurnata żejda leave għal kull festa nazzjonali jew btala pubblika li taħbat is-Sibt jew il-Ħadd.

L-emenda effettivament treġġa’ lura emenda oħra li kienet saret fl-2005, li kienet waqqfet il-prassi li festa nazzjonali li taħbat fi tmiem il-ġimgħa tiġi kkumpensata b’jum ieħor ta’ leave ta’ vaganza.

Il-miżura se tidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla. L-ewwel btala pubblika li se twassal għal jum żejjed ta’ leave se tkun l-1 ta’ Mejju – Jum il-Ħaddiem – li se taħbat is-Sibt.

Fi stqarrija, il-Ministru Carmelo Abela, li ressaq l-emenda, qal li l-Gvern se jkun qed jagħti lura dak li kien ċaħħad ħaddieħor, u li kien qed juri li jemmen fil-bżonn ta’ bilanċ bejn ħajja privata u xogħol.

“Dan huwa Gvern li jemmen fil-kontribut siewi u ġust li kull ħaddiem irid jagħti fuq il-post tax-xogħol imma fl-istess waqt li l-istess ħaddiema għandhom ikollhom ħin għalihom u għall-familja tagħhom,” qal Abela.