Terapija ta’ konverżjoni: l-abbozz ta’ liġi jnaqqar l-awtonomija tal-professjonisti

L-istess bħalma spjegat il-Knisja fil-pożizzjoni tagħha, il-professjonisti minn ħames oqsma professjonali differenti esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif l-abbozz ta’ liġi dwar it-terapija ta’ konverżjoni jidher li qed inaqqar mill-awtonomija etika u l-ġudizzju kliniku tal-professjonisti.
Jgħidu li dan se jsir f’sitwazzjonijiet sensittivi ħafna li jiltaqgħu magħhom fit-terapija dwar is-sesswalità u l-ġeneru.
F’dokument ippreżentat lill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, il-professjonisti jispjegaw li għalkemm l-abbozz jagħti lok li ssir esplorazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet, l-esperjenza klinika turi li hu impossibli taqta’ linja eżatta madwar it-terminu ta’ ‘esplorazzjoni’.
Jesprimu tħassib li dan jista’ jwassal għall-problemi waqt il-prattika klinika għalhiex it-terapisti ma jkunux jistgħu jesploraw fil-fond it-temi kumplessi li jsibu quddiemhom.
Għall-professjonisti l-liġi proposta hi xabla taqta’ miż-żewġ naħat
Il-professjonisti spjegaw li l-liġi proposta tpoġġi lill-psikjatri, il-psikologi, il-counsellors, il-psikoterapisti, it-terapisti tal-familji u professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa mentali quddiem xabla li taqta’ miż-żewġ naħat.
Min-naħa waħda, il-professjonisti jħossu l-obbligu jsegwu r-responsabbiltajiet etiċi tagħhom biex jesploraw liema triq jixtiequ jieħdu l-klijenti tagħhom. Iżda, mill-banda l-oħra dawn il-professjonisti jirriskjaw li jkunu akkużati bi prattiċi llegali u diskriminatorji f’każ li xi ħadd jinterpreta x-xogħol tagħhom bħala tentattiv biex jibdlu l-orjentazzjoni sesswali tal-klijenti. Jikkonkludu li fil-fatt il-liġi tkun qed tagħmel disservizz kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-klijenti.
Tista' taqra l-Position Paper sħiħa tal-Caring Professionals Body hawnhekk:​