Terapija b’xejn għall-koppji bi problemi sesswali

Il-Ministeru għas-Saħħa għadu kif ħabbar servizz ġdid ta' terapija bla ħlas għall-koppji li għaddejjin minn problemi fir-relazzjoni sesswali tagħhom.
Il-koordinatur ta' dan is-servizz, il-Psikjatra u Sesswologu Dr John Mifsud ilbieraħ iddiskuta dan is-servizz mal-preżentatriċi Sonia Young, waqt il-programm Insellimlek fuq RTK.
Dr Mifsud qal li dawn it-tip ta' problemi jeżistu. Semma kif madwar 30% tal-irġiel u 40% tan-nisa jbatu minn forma ta' problema sesswali.
Żied jgħid li hi komuni li koppja ma titkellimx fuq dawn il-problemi, minħabba diversi raġunijiet, fosthom għax ħafna drabi lanqas biss jindunaw li hemm problema, jew jaħsbu li m’hemmx soluzzjoni, jew agħar minn hekk, jemmnu li huma biss għandhom din it-tip ta' problema.
Sa ftit żmien ilu ftit kienu dawk li jiddiskutu r-relazzjoni sesswali tagħhom, iżda Dr Mifsud wissa li ċertu mistħija tista' twassal għal tbatija kbira.
Huwa qal li skont l-aħħar statistika, f’Malta jirreġistraw għas-separazzjoni madwar żewġ koppji kuljum. Fisser kif l-għan ta' dan is-servizz huwa biex kemm jista' jkun jgħin lil dawn il-koppji biex isalvaw iż-żwiġijiet tagħhom.
Dan is-servizz jgħin ukoll lil dawk il-persuni li jbatu minn gender dysphoria, dawk il-persuni li l-ġeneru fiżiku tagħhom ma jkunx jaqbel mal-ġeneru emozzjonali. Tajjeb li dawn in-nies ma jbatux fis-skiet u jsibu s-sapport meħtieġ.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel liċ-Ċentru Tumasu Chetcuti (CTC) fuq 23304299.

Ritratt Minn Ijeab – Freepik.com