Tensjoni politika vs riżultati ekonomiċi tajbin

Dik li kienet meqjusa bħala ġimgħa pożittiva fejn jidħlu riżultati ekonomiċi f’diversi pajjiżi, sfat imtappna minn ħafna inkwiet politiku madwar id-dinja. Is-swieq finanzjarji madwar id-dinja raw żidiet li immedjatament intilfu hekk kif ħarġu aħbarijiet ta’ kunflitti ħarxa fil-Lvant Nofsani, fil-Libja u iktar inkwiet fl-Ukrajna. Ir-riżenja tal-Prim Ministru Ukrajn ukoll ma ħallietx effett pożittiv fuq is-swieq. 
L-ekonomija fir-Renju Unit qed tkompli tirreġistra progress. Iċ-ċifri juru li ntlaħqu il-livelli ta’ qabel ir-riċessjoni finanzjarja. Dan jawgura tajjeb għar-Renju Unit u wassal biex l-isterlina issaħħet ma’ bosta muniti fl-aħħar jiem. Iktar sanzzjonijiet fuq ir-Russja jistgħu iwasslu biex diversi pajjiżi Ewropej li jesportaw lejn da nil-pajjiż ġgant jintlaqtu ħażin. Fil-fatt, il-Ġermanja li huwa l-pajjiż Ewropew li l-iktar jesporta lejn ir-Russja ra l-kunfidenza fl-industrija tonqos fl-aħħar jiem, bis-suq finanzjarju Ġermaniż, DAX, jitlef fil-valur. 
Ir-Royal Bank of Scotland li kien prattikament falla ftit snin ilu u ittieħed mill-Gvern, qed jirpilja u ħabbar profitti sostanzjali. L-ishma tiegħu raw żieda ta’ 14% fl-aħħar ġimgħat. Għal kuntrarju ta’ bosta linji tal-ajru, Air France KLM rat titjib fil-profitti li wassal sabiex l-ishma kienu iktar popolari u raw żieda ta’ 5% din il-ġimgħa. Kienet ġimgħa tajba ferm għad-dollaru Awstraljan li ra żieda kontra diversi muniti internazzjonali.
Il-kumpanija internazzjonali li tamministra is-sit popolari amazon.com irreġistrat inqas profitt minn kemm mistenni fl-ewwel xhur tal-2014. Minkejja li huwa mbassar li jkollha dħul ta’ 20 biljun dollaru Amerikan fit-tieni kwart tas-sena, diversi analisti stennew li il-bejgħ ikun xi ftit aħjar. Sa issa din is-sena, il-valur tal-ishma nieżel b’iktar minn 10%.
British Sky Broadcasting Group kompla jara in-numru ta’ klijenti tiegħu jikber. Il-bejgħ żdied b’5.5% sa issa din is-sena. Jidher li hemm interess biex din il-kumpanija tixtri Fox Sky Italia u Sky Deutschland. BSkyB li hija bbażata fl-Ingilterra kellha żieda ta’ kważi 10% sa issa fil-valur tal-ishma matul din is-sena. Huwa stmat li din il-kumpanija għandha valur ta’ kważi 16 –il biljun Sterlina.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti ghal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’ghandhomx jiġu kunsidrati bħala parir ta’ investiment.