Tensjoni fil-familja Rjali

Il-midja Ingliża qed tirrapporta li f’dan il-perjodu qed tinħass arja ta’ tensjoni fil-familja Rjali Ingliża. Dan wara li d-Dukessa ta’ Sussex ikkanċellat fl-aħħar minuti li tattendi għall-ftuħ ta’ wirja ta’ kollezzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti tal-Prinċep Charles.

Minn dak li qed jiġi rrappurtat fil-midja, l-Prinċep kien entużjast li Meghan kienet se tkun preżenti u baqa’ diżappuntat meta hi kkanċellat.

Allura x’wassal għal dan kollu?

Minn dak li qed jingħad il-Prinċep Harry u martu Meghan ħadu d-deċiżjoni flimkien wara li saru jafu bil-possibbilità li għall-istess ftuħ kien se jkun hemm il-kameras tal-istazzjon ITV biex jiġbdu filmati għal dokumentarju li qed jaħdmu dwar il-futur Re tal-Ingilterra.

Iżda hu magħruf li l-Prinċep Harry u Meghan qed jaħdmu fuq dokumentarju ieħor għall-istess stazzjon, u skont ma qiegħed jintqal dawn ma riedux li jagħtu wisq importanza dokumentarju li se jkun qed jikkompeti mad-dokumentarju tagħhom.

Iżda dan l-inċident huwa biss wieħed mill-ħafna li qed jingħad li qed iwasslu għall-firda u għat-tensjoni.

Id-differenza fil-kultura Ingliża għal dik li hija mdorrija biha Meghan ukoll huwa fattur ieħor hekk kif il-Prinċep Harry u Meghan bdew jitbiegħdu mit-tradizzjonijiet tal-familja Rjali u b’hekk bdew bosta kunflitti bejn il-membri tal-familja.

Bdew joħorġu ħafna stejjer fil-midja dwar il-Prinċep Harry u Meghan u huwa s-suspettat li l-midja kienet qed tiġi nfurmata bil-movimenti tagħhom mill-istaff l-antik fil-palazz ta’ Buckingham li ma kienx qed jara għajn m’għajn mal-istaff ingaġġati mill-Prinċep u martu.

Fl-isfond ta’ dan kollu, hemm min jgħid li l-Prinċep Charles kien qed iħossu mwarrab u hekk kif kien qed jiġi pjanat id-dokumentarju dwaru, il-futur Re tal-Ingilterra kien furjuż meta sar jaf li anki ibnu u martu kienu qed jaħdmu fuq dokumentarju ieħor.

Aktar minn kollox hemm ukoll il-kummenti tal-koppja Harry u Meghan fuq l-istazzjon CNN meta ġew kwotati li qalu li kienu qed jimmodernizzaw il-monarkija Ingliża.

Kumment ieħor li ntqal fil-midja huwa li fattur ieħor f’din it-tensjoni li teżisti qalb il-membri tal-familja huwa l-fatt li l-Prinċep u martu Meghan, id-Duekssa ta’ Sussex, ma tantx iħobbu jisimgħu l-pariri ta’ ħaddieħor.

Hemm min qed jittama li b’xi mod ir-Reġina li llum għandha 93 sena, tintervjeni biex tikkalma din is-sitwazzjoni.