Tenfasizza li l-aggressur jingħata l-għajnuna kollha

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, enfasizzat li mhux biżżejjed li l-vittma ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru jew vjolenza domestika tingħata l-għajnuna, iżda l-aggressur ukoll jistħoqqlu l-għajnuna.
Dalli kienet qed titkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet strateġija nazzjonali oħra kontra dawn it-tipi ta’ vjolenza, u dan fil-Jum Internazzjonali Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, iċċelebrat ilbieraħ.
Permezz ta’ din l-istrateġija, il-Ministru rrimarkat li Malta se tkun konformi mal-Konvenzjoni t’Istanbul, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li jkun hemm sforz bejn ministeri u setturi varji għas-sostenn tal-vittma iżda wkoll tal-aggressur.
Magħha kien hemm ukoll Id-Direttur tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni, Silvan Agius, li żied jgħid li wara kull miżura tal-istrateġija, li b’kollox ilaħħqu seba u għoxrin, hemm iktar minn entità waħda li qed taħdem id f’id biex tkun implimentata.
Qal ukoll li se jsiru erba’ rapporti ta’ moniteraġġ fis-sena dwar l-implimenazzjoni tal-istrateġija biex ikun hemm stampa ċara tal-avvanzi f’ dan il-qasam.
Sadanittant, Il-Kummissjoni Dwar il-Vjolenza Domestika nediet kampanja ta’ 16-il jum t’attiviżmu biex toħloq kuxjenza dwar il-vjolenza fuq in-nisa, bejn l-24 ta’ Novembru u d-9 ta’ Diċembru.
Din il-kampanja lokali se tingħaqad mal-kampanja internazzjonali t’attiviżmu, bit-tema Love does not Hurt, bil-verżjoni Maltija tkun Lil min tħobb ma tweġgħux.
Il-kampanja se tittella’ bil-parteċipazzjoni t’għexieren t’għaqdiet mhux governattivi, professjonisti u studenti li kkollaboraw mal-kummissjoni biex jiġu organizzati varjeta t’avvenimenti. 
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tneda abbozz ta’ linji gwida għall-midja dwar kif il-mezzi tax-xandir kollha għandhom jirrapportaw każijiet ta’ vjolenza domestika b’mod leali.
Ritratt: DOI – Anthony Sultana