Temperaturi għoljin… ħu l-prekawzjonijiet!

Hekk kif ninsabu fl-eqqel tas-sajf u t-temperatura kompliet togħla u saħansitra f’xi waqtiet anke tlaħħaq l-40 grad celsius, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina, l-MMSA, talbet lill-pubbliku sabiex jieħu l-prekawzjonijiet kollha.
L-assoċjazzjoni qalet li f’din is-sħana li qed taħkem il-gżejjer Maltin, ir-raġġi UV huma perikolużi għall-ġilda hekk kif anke jistgħu jwasslu għall-kanċer tal-ġilda.
Għalhekk l-MMSA saħqet dwar il-bżonn li wieħed isib postijiet friski u fid-dell speċjalment fl-agħar ħinijiet tax-xemx bejn l-10:00am u l-4:00pm.
Isemmiet ukoll l-importanza li wieħed juża nuċċali tax-xemx u beritta kif ukoll li jiġi applikat is-sunblock.
L-assoċjazzjoni semmiet ukoll il-bżonn li wieħed jixrob ħafna ilma kiesaħ u jiekol ikel ħafif bħall-frott u ħaxix.
L-MMSA qalet li l-istudenti tal-mediċina jħossu l-bżonn li joffru aktar informazzjoni lill-pubbliku.
Għalhekk l-assoċjazzjoni għaddejja bil-proġett ‘Beat the Burn’ bil-għan li tul dan is-sajf, ix-xemx ma ttellifx il-gost tal-individwu.