Temp kważi sajfi għall-festi xitwin

Jekk il-Bormliżi ċċelebraw il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’temp daqliskieku fis-sajf, hekk qed jagħmlu l-Pawlini Beltin li għada se jkunu qed jiċċelebraw il-festa ta’ San Pawl Nawfragu.
Minkejja li l-festi tax-xitwa, speċjalment dik f’Bormla u anke ta’ San Pawl, huma aktar magħrufa għaċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fil-Knisja, iż-żgħażagħ li jkunu ilhom sena jaħdmu fuq l-armar u ċ-ċelebrazzjonijiet esterni, itertqu qalbhom minħabba t-temp.
F’Diċembru li għadda, wara numru ta’ snin, il-Bormliżi irnexxielhom joħorġu l-armar kollu, li ġeneralment minħabba x-xita jew inkella r-riħ jispiċċa ma jintramax.
L-istess għamlu l-Pawlini Beltin li t-temp qed jipperettilhom li jiċċelebraw il-festa qabel, minħabba li din is-sena nhar l-10 ta’ Frar se jaħbat Ras ir-Randan.
Bħal Bormliżi, il-Pawlini Beltin irnexxielhom joħorġu l-armar kollu.
Anke għada f’jum il-festa, fejn filgħaxija ssir il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Pawl, skont l-Uffiċċju Meteoloġiku, it-temp mistenni jkun sabiħ bi ftit sħab b’riħ ħafif mil-Lvant.
Illejla, minkejja li l-awtoritajiet ma tawx permess għall-ħruq tan-nar tal-ajru, l-Għaqda tal-Pawlini xorta waħda se tkun qed itella’ xogħol pirotekniku u anke n-nar tal-art.
Issa anke d-dilettanti tal-Karnival qed jittamaw li t-temp jitbissem lilhom ukoll biex ikunu jistgħu jgawdu l-ħamest ijiem tal-Karnival li jibdew nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Frar.
Minkejja li din is-sena, il-Ġużeppini Rabtin se jkollhom imexxu l-festa minħabba li d-19 ta’ Marzu se jaħbat viċin wisq il-Ġimgħa l-Kbira, anke huma qed jittamaw li t-temp ikun tajjeb biex jiċċelebraw il-festa bejn id-9 u s-17 ta’ April.