Temp kiesaħ imma xemxi għall-weekend tal-Milied

Għal dan il-weekend tal-Milied, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li se jkollna temp kiesaħ imma xemxi bl-inqas temperatura tkun għada s-Sibt b’7°C filwaqt li l-ogħla se tkun it-Tnejn f’Jum il-Milied b’temperatura ta’ madwar 17°C.
L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta qal ukoll li qed jistenna li jilqa' madwar 123,000 passiġġier bejn illum u l-31 ta' Diċembru, hekk kif ħafna jsiefru sabiex forsi jaraw il-borra għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena, filwaqt li oħrajn jerħulha lejn reġjuni aktar xemxin biex igawdu minn temperaturi aktar sħan.
B’kuntrast ma' dawn l-aħħar ġranet li kienu griżi u bix-xita, it-tbassir tal-Uffiċċju Meteoroloġiku għall-weekend tal-Milied juri li t-temp ser jiffavorixxi lil dawk li ħallew ix-xiri tar-rigali għall-aħħar ġurnata, peress li jidher li mhix se tagħmel xita.
Huwa mistenni li s-Sibt u l-Ħadd ikunu kkaratterizzati minn riħ ħafif għal moderat minn Majjistral it-Tramuntana.
Min-naħa l-oħra, għal jum il-Milied huwa mbassar riħ moderat filwaqt li s-Sibt, il-Ħadd u t-Tnejn se jkunu xemxin.
Minkejja dan, hija mistennija l-kesħa hekk kif il-mewġa ta' temp frisk li laqat lill-gżejjer Maltin dan l-aħħar se tkompli tippersisti.