Telqet mill-Ingilterra minkejja li qatlet żagħżugħ

Mara ta’ diplomatiku Amerikan, li hija suspettata li qatlet żagħżugħ f’hit-and-run, kisbet l-immunità u telqet mill-Ingilterra minkejja li qed tkun imfittxija mill-Pulizija.

Il-mara allegatament tajret liż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Harry Dunn waqt li kien qed isuq mutur f’Northamptonshire f’Awwissu li għadda. Konsegwenza tal-inċident iż-żagħżugħ sofra ġrieħi serji u miet ftit jiem wara. Il-familja ta’ Harry Dunn għamlet appell lill-President Amerikan Donald Trump biex jintervjeni u jgħinhom ħalli sseħħ ġustizzja billi jġib lill-mara lura lejn l-Ingilterra b’ajruplan.

Il-mara ħadet vantaġġ mill-pożizzjoni ta’ żewġha u fuq parir tal-Ambaxxata Amerikana telqet mir-Renju Unit. Il-Pulizija ta’ Northamptonshire għamlet talba biex iżżomm lill-mara milli titlaq iżda din ġiet injorata.