Telqa fl-MCAST ta’ Ħal Luqa – Team Start

L-Istitut tal-Agribusiness tal-MCAST f’Ħal Luqa jinsab fi stat ta’ telqa kbira. Dan intqal fi stqarrija ta’ Team Start li tgħid li wara li ftit tax-xhur ilu kien żvelat l-istat diżastruż tal-MCAST tal-Mosta, issa hawn każ ieħor li juri li l-istudenti huma minsija mill-awtoritajiet.

L-organizzazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li tilqa’ fiha żgħażagħ u adolexxenti ta’ bejn l-14 u t-18-il sena qalet li l-istudenti Maltin u Għawdxin jixirqilhom aħjar u mhix sitwazzjoni aċċettabbli li jispiċċaw jitgħallmu f’dawn il-kundizzjoniijiet.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Gvern ħoloq kriżi fl-edukazzjoni u investa fi proġetti li tħallew nofs leħja bħall-iskejjel tal-Qawra, tal-Imsida u r-Rabat Għawdex filwaqt li ħalla lill-għalliema b’paga iktar baxxa mill-medja Ewropea.

Team Start iħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu ħsieb l-investimenti li saru fl-edukazzjoni matul iż-żminijiet u biex issir il-manutenzjoni tant meħtieġa fl-MCAST ta’ Ħal Luqa.