Tellieqa kontra l-ħin biex jiġi salvat razzett fil-Fgura

Qed tiżdied it-tensjoni fit-tellieqa kontra l-ħin biex jiġi salvat razzett fil-Fgura.

F’Settembru mistennija tittieħed deċiżjoni tal-ippjanar dwar il-futur tar-Razzett l-Antik fil-Fgura.

Aldo Busuttil, resident tal-Fgura, qal lil Newsbook.com.mt li għadu ma qatax qalbu mir-razzett. Saħansitra nhar il-Ġimgħa li għadda kien qed ikompli jippreżenta l-viżjoni tiegħu għal dan ir-razzett. Hu jqis dan ir-razzett bħala l-aħħar teżor storiku tal-qalba tal-Fgura. Busuttil qal li bini, traffiku, u tniġġiż fadal kemm trid però qed jipprova jagħmel minn kollox biex isalva dan il-wirt patrimonjali.

Busuttil akkuża lill-kunsilliera miż-żewġ partiti l-kbar tal-Fgura li kienu qed jaħlu ż-żmien minflok ma jagħmlu d-dover tagħhom u jaqbżu għal min ivvutalhom.

“Jidher li l-Kunsill hu maħkum minn persuni li l-ewwel interess tagħhom hi l-aġenda tal-partiti milli l-interess tar-residenti,” qal Busuttil fi stqarrija.

Ma tantx kellu kliem ta’ tifħir għall-Kunsillier tal-PL Mario Fava.

“L-ewwel ġab l-iskuża li dan il-proġett jiswa ħafna flus. Tiskanta meta tiġi l-Fgura inġibu ħafna skużi. Infakkru li dawn l-aħħar snin il-Fgura ma sarux proġetti ambjentali u għalhekk il-Gvern u moralment obbligat li jikkumpensa lil Fgurin għall-inkwinament tat-traffiku li jgħaddi mill-qalbi tal-lokal li qed jikkawża ħafna problemi respiratorju u oħrajn,” qal Busuttil. Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt jidher li huwa stmat li l-proġett ta’ Busuttil ikun jiswa aktar minn €5 miljun biex isir.

Jidher li s-sentimenti ta’ Fava dwar Busuttil huma simili.

“Tassew qed ninduna li miegħek ma tistax titkellem għax m’għandek l-ebda idea ta’ kif imorru l-affarijiet. Billi tħażżeż erba’ kelmiet li wkoll huma żbaljati, ma jfissirx li għandek proġett,” kiteb Fava fuq Facebook fuq post ta’ Busuttil.

Wara il-Konferenza Stampa fl-20 ta’ Ġunju bagħat ittra u kopja tal-Proposti għar-Riġenerazzjoni taż-Żona r-Razzett…

Posted by Aldo Busuttil on Sunday, August 9, 2020

Skont Busuttil xi kunsilliera tkellmu mal-Prim Ministru Robert Abela imma li dan qalilihom li l-art ma kinitx “worth it.”

Busuttil qal li fl-aħħar erba’ xhur għamel dak kollu li seta’ biex jipprova jsalva l-aħħar razzett simbolu tal-Fgura antika fil-qalb taċ-ċentru storiku mill-iżvilupp. Qal li dan jista’ jsir ukoll l-ewwel pulmun għall-Fgura.

“Jidher ċar li l-Kunsill qed ikkaxkar u joħloq skużi biex ma jmurx quddiem il-Gvern b’dil-viżjoni la mhix fl-aġenda politika tagħhom,” qal Busuttil.

Waqt il-laqgħa tas-7 ta’ Awwissu li ssejħet b’urġenza l-unika punt fuq l-aġenda kien il-“Proposta ta’ Riġenerazzjoni taż-Żona tar-Razzett l-Antik”. Waqt l-istess laqgħa għaddiet mozzjoni biex jitqabbad perit biex issir kwotazzjoni dwar kemm ikun jiswa l-proġett li qed jipproponi Busuttil.