Telgħulek riklami f’nofs xows ta’ Netflix?

Netflix qed iddaħħal xi riklami bejn l-episodji. Dawn il-filmati promozzjonali qed jidru biss lil użanti magħżula.

Ħafna qegħdin jilmentaw dwar dan fuq Reddit u Twitter, u qegħdin jgħidu li x-xows li jaraw qegħdin jiġu mwaqqfa minn riklami ta’ xows oħrajn.

Minħabba bug fis-sistema, għadd ta’ użanti ma għandhomx il-possibilità li jaqbżu dawn il-filmati u, bħal ma jiġri fuq Youtube, dawn ikollhom jaraw ammont ta’ ħin mir-riklam qabel ma jkomplu jaraw ix-xow.

Netflix qalet ma’ midja internazzjonli li l-filmati jistgħu jinqabżu, u li din il-karateristikka hija sempliċiment prova, b’hekk m’hijiex permanenti.

Netflix ħarġet iktar provi kontroversjali, bħal li tagħmel logħoba minn xows tat-tfal billi tippremja lit-tfal biex tinkoraġixxihom ikomplu jsegwu l-programmi. Netflix malajr waqqfet din il-prova hekk kif il-ġenituri rrejaġixxew b’rabja kbira.