Panama Papers: Daphne nqatlet; it-tiftix għall-verità għandu jibqa’ – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li waqqfuh nies jistaqsuh għaliex se jibqa’ sejjer bil-Panama Papers iżda hu qal li Daphne Caruana Galizia nqatlet,però l-verità tal-fatti m’għandhiex tinqatel u t-tfittix tal-verità tal-fatti għandha tibqa’ għas-sodisfazzjon tal-pubbliku u għas-sodisfazzjon tal-verità nnifisha li nkunu nafu l-verità kollha.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fid-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet għal Amministrazzjoni aħjar tal-Ġustizzja, Delia qal li ma jistax jitkellem dwar l-emendi fil-liġi meta s-sistema “mhedda mis-sisien”.

Hu qal li t-telfa tal-Bank of Valletta tal-aħħar bank sieħeb fid-denominazzjoni tad-dollaru hija konsegwenza tad-daqqa fir-reputazzjoni li qala’ l-pajjiż minħabba t-tmexxija tal-Gvern. Żied jgħid li mhux kif qal il-Prim Ministru li dan hu vittma tas-suċċess tal-ekonomija Maltija. Huwa qal li din hija daqqa ta’ ħarta kbira għan-negozju Malti u s-sitwazzjoni trid tissewwa sa Diċembru li ġej.

Adrian Delia stqarr li għal darb’oħra, il-Gvern reġa’ ġie espost barra minn Malta, din id-darba, mill-Assemblea Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa qal li r-rapport tar-rapporteur Pieter Omtzigt ipoġġi lill-Gvern Malti f’dawl ikrah fejn saħansitra jintqal li f’pajjiżi bħal Mongolja, politiċi rriżenjaw meta ġew esposti fil-Panama Papers iżda f’Malta, dawn igawdu l-protezzjoni tal-Prim Ministru. Huwa qal li dan ir-rapport ġie approvat b’maġġoranza kbira mill-membri tal-Assemblea Ewropea fejn l-istess Omtzigt qal li s-sitwazzjoni f’Malta qed tespandi għall-Ewropa kollha u li hemm il-periklu li l-prattiċi korrotti f’Malta jinxterdu fl-Ewropa wkoll.

Delia fakkar li illum fil-Qorti talab lill-avukati tiegħu biex il-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi jispjegaw kif huma kellhom informazzjoni dwar l-inkjesta Egrant li l-poplu m’għandux.