Telfa għat-tim Malti kontra t-Taljani

FB: MFA Women's Football

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa tilef kontra t-tim Taljan bl-iskor ta’ 5-0. Aktar kmieni llum intlagħbet il-logħba mill-Kwalifiki għall-UEFA Women’s Euro 2021. Il-logħba ntlagħbet ġewwa t-Teofilo Partini Stadium ġewwa Castel di Sangro.

It-Taljana Valentina Cernoia fetħet l-iskor għat-tim tagħha fis-27 minuta. Għaxar minuti wara kienet l-istess Valentina li skurjat it-tieni gowl. Tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, kienet Daniela Sabatino li għamlet l-iskor 3-0. Fil-45 minuta, eżatt qabel ma daħlu għal kwarta mistrieħ, kienet Manuela Giugliano li għamlithom 4-0.

Fit-tieni taqsima l-Maltin ħarġu aktar komposti iżda ma rnexxilhomx isibu x-xibka. It-Taljana Giada Greggi kompliet żiedet gowl għat-tim Taljan lejn l-aħħar tal-logħba.

It-tim Taljan qegħdin fil-quċċata ta’ Grupp B u s’issa rebħu l-ħames logħbiet ta’ kwalifika li lagħbu s’issa.

AQRA: Il-Maltin jiksbu punt importanti kontra l-Iżrael