Telf ta’ kilometru ta’ siġar minħabba r-roundabout ta’ Santa Luċija – FAA

MTIP

Se jinqerdu numru ta’ siġar maturi tul medda ta’ kilometru biex jinbena r-roundabout ta’ Santa Luċija skont l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar.

Fi stqarrija, l-FAA qalet li se tintilef ukoll art agrikola biex titwessa’ t-triq mingħajr post adegwat għaċ-ċiklisti u għal dawk li jimxu. L-għaqda semmiet li din id-deċiżjoni mhix sostenibbli. Irreferiet ukoll għall-Istrateġija Nazzjonali għat-Trasport 2050, li tgħid li żieda fil-karozzi mingħajr l-abbilità li wieħed ilaħħaq mad-domanda qed iżżid fil-konġestjoni. SKont l-istrateġija, din is-sitwazzjoni mhix sostenibbli.

30% inqas ħin fl-ivvjaġġar

Fi stqarrija separata, il-Ministeru għat-Trasport qal li jilqa’ d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova l-proġett ta’ Infrastructure Malta għall-bini ta’ żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. Il-Ministeru qal li l-proġett se jfisser madwar 30% inqas ħin fl-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni.

Miżuri ta’ prekawzjoni

Il-Ministeru żied jgħid li Infrastructure Malta intalbet timplimenta miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi żgurat li waqt li qed jitwettaq il-proġett, ikun hemm ħarsien sħiħ tal-ambjent tal-inħawi. Skont il-Ministeru, “intalbu miżuri li jissalvagwardjaw ir-residenti tal-inħawi u oħrajn li jħarsu l-wirt naturali.”

“Wara l-approvazzjoni tal-permessi tal-iżvilupp meħtieġa għal dan il-proġett, Infrastructure Malta mistennija tibda l-ħidma meħtieġa fi Triq tal-Barrani u fi Vjal Santa Luċija qabel l-aħħar ta’ din is-sena” skont il-Ministeru.

Il-Ministeru spjega wkoll li l-proġett jinkludi wkoll l-iżvilupp, it-tibdil u t-tisħiħ ta’ servizzi tad-distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm bħalissa taħt l-art f’dawn it-toroq.