Filmat: “Miżuri bla impatt għan-negozji” – il-Kamra tal-SMEs

Aġġornat 10:11 AM

Studju li sar mill-Kamra tal-SMEs li sar immedjatament wara li ġew imħabbra l-miżuri mill-Gvern lbieraħ filgħodu juri li l-miżuri mhux se jkollhom impatt reali fuq in-negozji.

Il-Kamra tal-SMEs fi stqarrija qalet li l-Gvern jidher li mhux qed jifhem is-sitwazzjoni kerha li għandhom in-negozji Maltin. Sostniet li l-ħin għat-tieni u t-tielet pakketti ta’ miżuri huma meħtieġ issa qabel ikun tard wisq.

Il-Malta Enterprise tgħid kif se jiġu implimentati l-miżuri

Il-Malta Enterprise ħabbret li f’isem il-Gvern se tkun qed tassisti lin-negozji f’għajnuniet fiskali u billi tiffaċilità t-teleworking. Fi stqarrija ġie avżat ukoll li n-negozji jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Malta Enterprise fuq 144 jew fuq is-sit covid19.maltaenterprise.com li se jkun aġġornat regolarment bl-aħħar informazzjoni b’sapport lin-negozji. Dan sabiex il-persuni jiġu skoraġġuti milli jaħgmlu laqgħat wiċċ imb’wiċċ ma’ rappreżentanti ta’ Malta Enterprise.

Dwar l-għajnuna fiskali ġie spjegat li n-negozji għandhom xorta jimlew il-formoli kollha skont iż-żmien stipulat. Dwar it-teleworking, il-Malta Enterprise qalet li l-għotjiet se jkunu kkapjati sa €2 miljun filwaqt li għal kull talba l-ispejjeż se jkunu kkapjati sa 45%.

Apparti din l-assistenza l-għajnuna ta’ Malta Enterprise se tkun tiffoka wkoll biex titkellem man-negozji biex tieħu stokk tas-sitwazzjoni.

“L-ebda miżura mhi se taħdem jekk mhux sussidji kbar fuq is-salarji” – GBC

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) qalet li Għawdex laqqat l-akbar daqqa għax għadd ta’ negozji Għawdxin qed jaħsbu biex jagħlqu minħabba li m’għandhomx cash flow. Intqal li l-ebda miżura mhi se tgħinhom jekk mhux sussidji kbar fuq is-salarji tal-ħaddiema tagħhom.

Stqarru li mhux ġust li n-negozji qed jiġu msejjħa biex ikopru l-ispejjeż tal-kwarantina. Stqarru wkoll li l-miżura ta’ teleworking mhix se tgħin lis-settur tal-manifattura, retail, transport u kostruzzjoni.

Huma kellhom kliem pożittivi għall-inizjattiva li l-Gvern se jaċċellera l-pagamenti lill-kumpanii private.

Dwar l-inizjattiva tal-posponiment tat-taxxi, Il-GBC qalet li din ma tgħinx fiż-żmien fit-tul minħabba li xorta waħda se jkollhom iħallsu t-taxxi fix-xhur ta’ wara.

Huma stiednu lill-Gvern biex jiddiskuti mafgħhom programmi speċifiċi ta’ inċentivi għaliex in-negozji Għawdxin ma jistgħux jistennew aktar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn