Telephone boxes fil-Belt se jiġu restawrati

Awtorità tal-Ippjanar

Ħdax-il telephone box fil-Belt Valletta se jiġu restawrati biex jiġi preżervat l-istatus ta’ protezzjoni tagħhom.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li dawn it-telephone boxes jinsabu l-aktar fi Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti. Huma tat-tip Mk1 u Mk2 Type 6B. Ġew disinjati minn Sir Gilbert Scott biex jiġi kkomemorat is-Silver Jubilee tal-koronazzjoni ta’ Rè Ġorġ V fl-1935. Il-Mark 1, b’disinn li sar qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, ġiet manifatturata bejn l-1936 u l-1952. It-tip Mark 2 sar bejn l-1952 u l-1968.

It-telephone boxes se jiġu trasportati lejn maħżen biex ix-xogħol ta’ restwar ikun jista’ jsir f’ambjent sigur. Lura fl-2001, il-PA kienet tat protezzjoni tat-tieni grad lil dawn l-istrutturi.