Telenovelas antiki jixxandru mill-ġdid

Bosta telenovelas mill-imgħoddi bħalissa qed jerġgħu jixxandru mill-ġdid permezz tal-istazzjon Taljan Donna TV. Dan l-istazzjon għalkemm mhux jinqabad permezz ta’ stazzjonijiet fuq pjattaformi tal-cable, jista wieħed ikollu aċċess għalih permezz tas-sit Donnatv.com.

Għal dawk li jixtiequ jerġgħu isegwu bosta produzzjonijiet antiki li tant kienu popolari fis-Snin 80 u fis-Snin 90 ninfurmawhom li bħalissa dan l-istazzjon qed ixandar dan li ġej:

Un Volto Due Donne (kuljum fit-8am, fl-4pm u fit-8pm).

Produzzjoni mill-Veneżwela tal-1987 bis-sehem ta’ Victor Camara u Mariela Alcalà. B’kollox hemm 234 puntata li fl-Italja kienu xxandru għall-ewwel darba bejn Diċembru tal-1985 u Ottubru tal-1996.

Dancin’ Days (kuljum fit-12.30pm, fid-9pm u fil-11pm).

Telenovela Portugiża tal-1978 b’Sonia Braga fil-parti ewlenija. Din is-sensiela kienet popolari fil-bidu tas-snin 80 meta Rete 4 kien xandarha għall-ewwel darba bejn Marzu u Novembru tal-1982.

La Forza dell’Amore (kuljum fis-1.30pm, fis-7pm u f’nofsillejl)

Gustavo Bermudez u Araceli Gonzalez fost il-protagonisti ta’ din il-produzzjoni Arġentina tal-1994 f’195 puntata. Kienet ixxandret għall-ewwel darba fuq Rete 4 bejn l-1995 u l-1996.

La Signora in Rosa (kuljum fit-3pm u fis-6pm).

La Signora in Rosa

Jeannette Rodriguez, Fernando Carillo u Carlos Mata huma fost il-protagonisti ta’ din it-telenovelam mill-Arġentina li kienet inħadmet fl-1986.

099 Central (kuljum fil-5pm u fl-10pm).

Telenovela mill-Arġentina tal-2002 li fiha b’kollox 146 puntata b’Facunda Arana u Nancy Duplaa fost il-protagonisti. B’differenza mill-produzzjonijiet l-oħrajn li qed jitwasslu fuq Donna TV, din it-telenovela qatt ma xxandret fuq l-istazzjonijiet ewlenin Taljani u kienet ixxandret għall-ewwel darba fuq l-istazzjon Lady Channel li qatt ma kien disponibbli f’Malta.

Apparti dawn il-produzzjonijiet fl-iskeda ta’ Donna TV hemm ukoll programmi oħrajn fosthom Mi Amor (kuljum fis-7am u fis-2.30pm) b’intervisti riċenti ma’ bosta atturi ta’ telenovelas mill-passat, filwaqt li mis-27 ta’ Settembru se jibda l-programm Mi Amor Soap b’intervisti u filmati minn soap operas Amerikani tal-imgħoddi bħal Capitol, Sentieri u Santa Barbara, kif ukoll dawk Taljani bħal Vivere, Incantesimo u CentoVetrine.

Filwaqt li biex tara dawn il-programmi b’mod dirett trid tagħfas hawn, għall-iskeda tal-ġurnata trid tagħfas fuq dan il-link.