Telefonata ta’ siegħa bejn Obama u Putin dwar l-Ukraina

Il-President Amerikan Barack Obama talab lill-President Russu Vladimir Putin biex jirrikorri għal soluzzjoni diplomatika dwar il-kriżi tal-Ukraina.
F’telefonata li damet siegħa, Obama enfasizza li l-azzjonijiet tar-Russja fil-Krimea kisru s-sovranità tal-Ukraina. Qal li s-soluzzjoni tajba għall-partijiet kollha tinvolvi taħdidiet bejn l-Ukraina u r-Russja, moniteraġġ internazzjonali fl-Ukraina u li s-suldati Russi jirritornaw fil-bażi tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-mexxej Russu qal li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja m’għandhomx jiġu sagrifikati minħabba nuqqas ta’ qbil fuq problemi internazzjonali.
Din kienet it-tieni telefonata f’inqas minn ġimgħa bejn iż-żewġ Presidenti dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina.