Telefonata oħra ta’ Papa Franġisku – din id-darba lil tifel ta’ 6 snin

Kważi kważi t-telefonati ta' Papa Franġisku lin-nies komuni saru qishom l-ordni tal-ġurnata. 

Ilbieraħ filgħaxija Franġisku għamel telefonata oħra, din id-darba lil tifel ta' sitt snin.

Meta qabad it-telefown, Federico Chiolerio, baqa' mistgħaġeb.  Fuq in-naħa l-oħra tal-linja sema' lil xi ħadd jgħidlu "Hello? Jien il-Papa!".

Jidher li Franġsiku ddeċieda li jċempel lil Federico wara li ċ-ċkejken bagħtlu tpinġija tar-raħal tiegħu li jismu Betlehem u jinsab f'Chivasso fir-reġjun ta' Piemonte fl-Italja.

Federico bagħat tpinġija tas-Santwarju u l-grotta li hemm fir-raħal tiegħu, l-uniku raħal jew belt fl-Italja li jġib l-isem ta' Betlehem.

Maħkum bil-kurżità, Papa Franġsiku ċempel lil Federico biex jirringrazzjah u jsaqsih dwar l-istorja ta' Betlehem fil-Piemonte, dwar is-santwarju, dwar il-grotta u anke dwar il-ġemellaġġ bejn Betlehem tal-Italja u Betlehem tal-Palestina.

Skont il-familja Chiolerio l-Papa talab lil Federico biex iżommu fit-talb tiegħu, u jispera li xi darba jiltaqa' miegħu waqt xi udjenza ġenerali fil-Vatikan.