Teknoloġija ġdida se taqbad lil min jisraq l-ilma

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ħabbret li għandha teknoloġija li tidentifika ħela u serq tal-ilma.

Fi stqarrija l-WSC qalet dan il-programm twettaq f’żewġ żoni speċifiċi u li r-riżultati huma inkoraġġanti ħafna.

“Il-Korporazzjoni issa tista tittraċċa minn jisraq l-ilma b’mod sistematiku.  S’issa, il-prevenzjoni tas-serq tal-ilma kienet biċċa xogħol impenjattiva li kienet tinvolvi investigazzjonijiet estensivi u riżorsi umani.”

Intqal li l-proġett jinvolvi l-użu ta’ teknoloġiji ġodda li jitimgħu algoritmi lis-sistema u li huma kapaċi jindividwaw lill-awturi tas-serq.

“Permezz ta’ din is-sistema diġa ġie identifikat każ partikolari li kien jinvolvi individwu li kien qed jisraq madwar 35% tal-ilma totali mitmum f’raħal speċifiku Għawdxi. L-evidenza qed tiġi fformalizzata u każijiet kollha bħal dawn se jintbagħtu lill-pulizija għal azzjoni ulterjuri minn naħa tagħhom.”

Fix-xhur li ġejjin, it-teknoloġija se tkompli tinfirex madwar Malta.