Teknoloġija ġdida li taqbad sewwieq juża l-mowbajl waqt li jsuq

Ġiet żvelata teknoloġija ġdida li kapaċi tinduna meta sewwieq ikun qed juża l-mowbajl waqt li jkun qed isuq.

Il-Pulizija fir-Renju Unit żvelaw dan l-apparat li se jibdew jużaw biex iwaqqfu sewwieqa li jkunu qed jużaw mowbajl mingħajr apparat ‘hands-free’ waqt li jkunu qed isuqu. Simili għall-ispeed cameras u l-iskrins tal-avviżi fit-toroq, meta dan l-apparat jaqbad sewwieq juża l-mowbajl, jixgħel simbolu ta’ mowbajl immirat lejn il-karozza tal-istess sewwieq biex jindikalu biex jieqaf juża l-mowbajl.

Madanakollu dan id-detector s’issa mhux kapaċi jagħraf jekk il-mowbajl fil-vettura konċernata hux qed jiġi wżat mis-sewwieq jew minn passiġġier fl-istess karozza.

Il-Pulizija f’Hampshire u f’Thames Valley fir-Renju Unit se jkunu minn tal-ewwel li se jinstallaw dan l-apparat f’diversi toroq biex jgħinu lill-uffiċjali tagħhom jidentifikaw liem huma l-iktar toroq li fihom is-sewwieqa jitraskuraw billi jużaw il-mowbajl waqt is-sewqan.

Din il-kampanja qed tkun appoġġjata minn Kate Goldsmith, li tilfet lil bintha Aimee meta xufier ta’ trakk ħabat fil-karozza li fiha hi kienet passiġġiera wara li kien għaljenat għax kien qed jeqleb id-diski fuq il-mowbajl tiegħu.