Teknoloġija ġdida għas-sigurtà fil-finali taċ-Champions League

Il-Pulizija f’Wales ħabbret li qed tippjana biex tuża apparat ġdid li jagħraf l-uċuh tan-nies bħala miżura tas-sigurtà fil-finali taċ-Champions League f’Cardiff nhar it-3 ta’ Ġunju.
Skont kuntratt ippubblikat onlajn mill-Gvern Ingiż, il-partitarji kollha li se jattendu għall-finali se jkollhom wiċċhom skennjat huma u deħlin il-grawnd u fl-istazzjon tal-ferrovija.
Waqt li n-nies ikunu qed jiġu skennjati, wiċċhom se jkun qed jiġi kkumparat ma’ 500,000 stampa ta’ nies li huma fuq il-lista ta’ suspettati jew perikolużi mill-Pulizija tal-lokal.
Il-Pulizija ta’ Wales qalet li għal dil-logħba mistennija jattendu madwar 70,000 partitarju, u l-belt ta’ Cardiff mistennija jkollha 100,000 oħra jżuruha dakinhar.