Teknoloġija ġdida fl-ajruporti Ingliżi biex tnaqqas il-kju

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ħabbar li kull ajruport maġġuri fl-Ingilterra jrid ikollu tagħmir 3D għall-iskenjar tal-bagalji sa tmiem l-2022. Il-Ministri qalu li t-tknoloġija l-ġdida għandha tħaffef il-kontrolli tas-sigurtà u tista’ tiġi fi tmiemha r-restrizzjoni fuq il-likwidi u l-laptops.

Is-CEO tal-ajruport ta’ Heathrow John Holland-Kaye qal li hemm żewġ benefiċċji kbar ta’ din it-teknoloġija. L-ewwel waħda hi li l-esperjenza tal-ajruport se tkun aktar faċli għall-passiġġiera għax mhux se jkollhom għalfejn jagħżlu il-likwidi f’borża separata u mhux se jkollhom għalfejn joħorġu l-laptop mill-basket. Il-biċċa tax-xogħol se tkun ħafna aktar mgħaġġla.

Hu spjega li t-tieni benefiċċju hu li se jkun hemm aktar sigurtà. Permezz tat-teknoloġija l-ġdida se jkunu jistgħu jidentifikaw affarijiet li s’issa għadhom ma jistgħux ikunu identifikati bit-teknoloġija preżenti. Hu qal ukoll li se jkunu jistgħu jantiċipaw xi theddid li jista’ jkun ġej għalihom.