Tekniku tal-Mercedes ġej Malta biex jinvestiga l-bendy buses

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li espert tekniku minn Daimler-Mercedes, il-kumpanija li mmanifatturat il-bendy buses tal-Arriva, se jkun qed jinvestiga l-karozzi tal-linja li kienu involut fil-każi ta’ ħruq fil-jiem li għaddew.

Kienet Nada Filipovic minn Daimler, li fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li sarulha minn Newsbook.com.mt żvelat dan.

Filipovic sostniet li fi żmien 16-il sena, inbiegħu aktar minn 35,000 bendy bus, Mercedes-Benz Citaro.

Filwaqt li sostniet li bħala d-ditta li mmanifatturat dawn il-bendy buses tinsab ħerqana għar-riżultat tal-investigazzjoni, Filipovic qalet li mhux il-ħin opportun li tispekula fuq x’setghet kienet il-kaġun tal-ħruq.

Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ espert mill-kumpanija King Long, id-ditta tal-kumplament tal-karozzi tal-linja fil-flotta tal-Arriva.

Dan l-espert Ċiniż kien sostna li l-inċidenti setgħu ġew ikkaġunati minn ħsara fis-sistema elettrika tal-vettura, fis-sistema tal-lubrikazzjoni, ħruġ mis-sistema tal-fjuwil fil-magna jew spray li seta’ tqiegħed mal-exhaust pipe.