Filmat: 4 sigħat oħra jibda jaħdem it-3 vapur; il-kju jikber

Għall-ħabta tal-10pm, il-vapur tal-Gozo Channel li dalgħodu spiċċa bir-rampa fil-baħar, mistenni lura fis-servizz u jaqsam il-piż maż-żewġ vapuri li qed jaħdmu bla heda biex ilaħħqu mal-influss ta' karozzi li qed jaqsmu l-fliegu għal tmiem il-ġimgħa.
Persuni li qed jivjaġġaw minn Malta għal Għawdex qalu ma’ Newsbook.com.mt li kienu ilhom jistennew fil-kju madwar tliet sigħat biex rikbu l-vapur.
Kelliem għall-Gozo Channel qal ma’ Newsbook.com.mt li qed jaħdmu b’żewġ vapuri u sostna li kemm jista’ jkun qed jippruvaw iżommu mal-iskeda.
Min-naħa l-oħra, bosta toroq li jwasslu għaċ-Ċirkewwa huma mifqugħin karozzi, fosthom Triq Wied Musa, fil-Mellieħa u Triq tal-Miżieb, f’San Pawl il-Baħar.
L-istess kelliem qal li f’każi bħal dan, il-kju eċċessiv huwa inevitabbli għax mhux jirnexxielhom ilaħħqu mad-domanda minħabba li wieħed mill-vapuri hu bil-ħsara.
Dalgħodu Newsbook.com.mt ikkuntattja liċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina, li waqt li beda jidħak, ikkonferma li r-rampa għandha l-ħsara, iżda ċaħad li spiċċat fil-baħar. Kompla jgħid li ttieħdet azzjoni.
Jidher li l-kaptan dawwar il-vapur sabiex tintuża r-rampa tan-naħa l-oħra.