Teħel €30 minħabba l-irwejjaħ tal-qtates mill-appartament tagħha

Mara li kienet qed iżżomm sebat iqtates fl-appartament tagħha f’Ħ’Attard, instabet ħatja li ħolqot inkonvenjent għall-ġirien tagħha, iżda nħelset minn akkużi ta’ abbuż. Hija weħlet multa ta’ €30.

Il-każ instema’ fil-qorti hekk kif xi ġirien ta’ Denise Falzon kienu ressqu diversi ilmenti mal-awtoritajiet, li wasslu wkoll għal żjarat minn persuni tas-sanità. Il-ġirien sostnew li kienu qed jiddispraw minħabba l-irwejjaħ qawwija tal-ħmieġ tal-qtates li kienet tinżel mill-gallarija ta’ Falzon.

F’Marzu tas-sena l-oħra, il-Qorti tal-Maġistrati kienet ħelset lil sid il-qtates, iżda xahar wara, l-Avukat Ġenerali ressaq appell.

Fl-appell li tmexxa mill-Imħallef Edwina Grima, ħareġ li Falzon kienet qed tikser il-kuntratt ta’ meta xtrat l-appartament tagħha għax dan jistipula li pets mhumiex permessi.

Il-Qorti semgħet kif biex tnaqqas l-inkonvenjent fuq il-ġirien, Falzon ippruvat tqiegħed lill-qtates fil-kamra tal-banju sakemm tkun ix-xogħol, iżda irriżulta li l-irwejjaħ kienu aktar qawwija.

Minkejja dan, il-Qorti ddeċidiet li l-mara għandha teħel multa ta’ €30 minħabba l-inkonvenjenti li ħolqot lill-ġirien.