Teħel darbtejn mit-teżi għax is-supervisors ma jaqblux

Il-Kummissarju tal-Edukazzjoni, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, talab lill-Università ta’ Malta biex tirrevedi l-marka li ngħatat lil studenta, li kienet qed tistudja għall-grad ta’ Masters fix-Xjenza (m.Sc), għax fi kliemu din ġiet itrattata b’mod diskriminatorju minħabba kunflitt bejn is-supervisors tat-teżi tagħha dwar id-dimensja.
Kienet l-istudenta li talbet lill-Ombudsman biex jinvestiga l-każ tagħha għax fi kliemha kienet ingħatat informazzjoni konfliġġenti mis-supervisors tat-teżi tagħha u minħabba f’hekk spiċċat weħħlet.
L-istess studenta lmentat li l-Bord tal-Eżamijiet kien aktar inġust meta wasal għall-konklużjoni simili wara li rrivediet ix-xogħol u reġgħet issottomettietu.
Min-naħa tagħhom, l-eżaminaturi tal-viva voce, li għalih kien hemm preżenti l-Principal Supervisor tagħha, qalu li l-istudenta naqset milli telabora u twieġeb għall-mistoqsijiet li sarulha fuq it-teżi. Għalhekk hi kienet ingħatat marka ta’ 43%. Hi kienet talbet ir-reviżjoni tal-marka u din telgħet għal 46%, iżda xorta ma kienx biżżejjed.
Bl-għajnuna tal-Co-supervisor, din l-istudenta rranġat it-teżi skont is-suġġerimenti tal-Bord, u reġġgħet issottomettiet it-teżi tagħha.
Iżda, waqt viva voce oħra, li għaliha ma kien hemm preżenti ħadd mis-supervisors, il-Bord żamm mal-ewwel deċiżjoni, minkejja li għal bidu l-maġġoranza tal-Bord kien tal-fehma li għandha tingħata pass mark.
Mal-kummissarju, l-istudenta kkritikat ħafna l-attitudni tal-Principal Supervisor li fi kliemha ħafna mill-korrezzjonijiet u s-suġġerimenti tiegħu kienu dwar il-lingwa u mhux il-kontenut. Min-naħa l-oħra, il-Co-Supervisor kien jagħtiha ħafna appoġġ.
Fil-fatt, kien il-Co-Supervisor li għena tagħmel ir-reviżjonijiet tagħha u qatt ma rnexxielha tagħmel kuntatt mal-Principal Supervisor li kien imsiefer. Kien għalhekk li saħqet li l-Co-Supervisor kellu jkun preżenti għat-tieni viva-voce.
Min-naħa tiegħu, il-Co-Supervisor wera stima kbira lejn l-istudenta u kien lest li jgħinna biex jippubblikaw ix-xogħol flimkien. Huwa kkritika l-fatt li ħadd fost il-membri tal-Bord ma kien speċjalizzat fid-dimensja u kkonferma li l-istudenat kienet irrevediet dak kollu li talab minnha l-Bord.
Il-Principal Supervisor qal mal-Kummissarju li l-istudenta ħadmet ħafna iżda kaxkret sieqha meta talabha tbiddel il-metodoloġija biex ma tkunx simili għal dik ta’ teżi oħra. Ikkritika wkoll il-livell ta’ kitba u ċaħad li kien hemm xi kwistjoni personali jew professjonali mas-supervisor l-ieħor.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju saħaq li l-eżaminaturi kollha aġġixxew kif ħasbu li kien l-aħjar għall-istudenta iżda sab nuqqasijiet fil-proċess tas-superviżjoni u l-evalwazzjoni tat-teżi.
Waqt li kkwota r-Regolamenti tal-Università, innota li l-Principal u l-Co-Supervisor għandhom jikkollaboraw flimkien iżda f’dan il-każ, dawn it-tnejn qatt ma ltaqgħu minkejja li kellhom opinjonijiet differenti. Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni qal ukoll li fuq il-Bord kellu jkun hemm espert tad-dimensja.
Huwa kkritika lill-istudenta għax, fi kliemu, ma kinitx turi rispett bl-aġir tagħha lejn il-Principal Supervisor u għaġlet ħafna biex tlesti r-reviżjoni meta kellha ċans ta’ sitt xhur.
Minkejja dan, meta kkonsidra l-fatturi kollha, ikkonkluda li l-Università għandha tieħu l-miżuri biex tirrifletti “l-inġustizzji” li saru mal-istudenta. L-Università laqgħet il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni.