Teħel 4 snin ħabs wara li serqet mat-€30,000 minn ommha

Mara weħlet erba’ snin ħabs wara li serqet mat-€30,000 fi flus u oġġetti ta’ valur mingħand ommha. Dan ħareġ mill-Qorti llum fejn ġie spjegat li l-mara abbużat minn prokura ġenerali li ngħatatilha minn ommha, fejn ħallietha mingħajr flus biżżejjed sabiex tidħol f’dar tal-anzjani.

Aloisia Mifsud Grech li għandha 53 sena ġiet imressqa l-Qorti wara li ommha għamlet rapport fl-għassa tal-Pulizija fejn allegat li bintha kienet qed tabbuża mill-prokura. Aktar tard, ġie allegat ukoll li Mifsud Grech kienet bigħat stocks u bonds ta’ ommha u falliet milli tirritorna oġġett prezzjuż tad-deheb tal-familja.

L-omm kienet irrevokat il-prokura filwaqt li keċċiet lil bintha minn darha, hekk kif hi u r-raġel tagħha kienu joqgħodu magħha.

L-akkużata sostniet li hi dejjem aġixxiet fuq l-istruzzjonijiet li ħarġu minn ommha u li l-flus inħarġu mill-kont bankarju sabiex jiġu mqassma bejn ħutha. Madanakollu l-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda li tat l-anzjana li kellha bosta dokumenti li servew ta’ evidenza li dak li kienet qed tgħid kien veru. Intant, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li dak li qalet l-akkużata kien mimli inkonsistenzi.

Fil-Qorti ħareġ li fi żmien jumejn, aktar minn €25,000 ġew maħruġa minn ATM ġewwa Birkirkara. L-ammont totali meħud mill-akkużata kien dak ta’ €30,466.25.

Hi u tagħti d-digriet tagħha, fejn minbarra l-ħabs il-mara ġiet ordnata tħallas is-somma li serqet lura filwaqt li tirritorna l-oġġetti tad-deheb, il-Maġistrat qalet li tittama li dan il-każ iservi bħala eżempju dawk li jkunu se jisfruttaw persuni vulnerabbli. Intant talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga lil wieħed mill-aħwa ta’ Mifsud Grech li tenniet li xehed falz fil-Qorti sabiex jgħin lill-akkużata.