Teatru Rjal: L-inkwilini tal-ħwienet jingħataw €575,000 f’kumpens

L-erba’ nkwilini ta’ dawk li kienu ħwienet taħt is-sit tat-Teatru l-Imwaqqa’ fil-Belt Valletta ngħataw total ta’ €575,000 f’kumpens minħabba l-proġett tad-daħla tal-Belt, imfassal mill-perit Renzo Piano.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan fil-Parlament illejla fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus.
L-erba’ eks inkwilini ta’ ħamest iħwienet ngħataw kumpens li jvarja minn minimu ta’ €75,000 fil-każ ta’ inkwilin ta’ ħanut partikolari sa massimu ta’ €200,000 għal inkwilin ta’ żewġt iħwienet. Żewġt inkwilini oħra ngħataw kumpens ta’ €150,000 kull wieħed.