Teatru mimli klieb isegwu musical

Ritratt: Twitter/Stratfest

L-iStratford Festival f’Ontario l-Kanada wera musical speċjalment għall-klieb biex jgħinhom fit-tagħlim tagħhom meta jkunu ma’ sidhom. Dawn il-klieb ikunu ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali, u huma magħrufa bħala service dogs.

L-għaqda K-9 Country Inn Working Service Dogs ngħaqdet ma’ The Stratford Festival għal sessjoni ta’ taħriġ għal dawn il-klieb speċjali. Dawn il-klieb intelliġenti jkollhom taħriġ speċjalizzat biex jgħinu u jfarrġu lil dawk li jkunu magħhom meta jsibu rwieħhom f’sitwazzjonijiet diversi.

Peress li kull sitwazzjoni hija għal kollox unika hija essenzjali li l-klieb ikunu jafu kif jirreaġixxu għal kull tip ta’ sitwazzjoni. Ikollhom bżonn li jibqgħu ffukati fuq il-persuna li jkunu jieħdu ħsiebha meta jkunu taħt pressjoni fil-pubbliku.

Waqt il-musical Billy Elliot — The  Musical li kien għaddej fit-teatru l-klieb ingħataw ordni biex joqogħdu kwieti fuq il-pultruna tagħhom. Huma ma ridux jagħtu kas ta’ ċerti stimuli fit-teatru li forsu setgħu itellfuhom mill-attenzjoni li jkollhom jagħtu lil sidhom. Għalhekk qagħdu kwieti minkejja l-ħsejjes fit-teatru, id-dwal, l-annimali l-oħra, l-irwejjaħ tal-klieb ta’ maġenbhom u n-nies iduru madwarhom.

Ritratt: Twitter/Stratfest

L-għaqda K-9 Country Inn Working Service Dogs tieħu ħsiebha Laura MacKenzie li ilha taħdem u tħarreġ il-klieb għal dawn l-aħħar 30 sena. Hi ssostni li l-għan tagħha hu li tħarreġ nies biex jgħallmu l-klieb u b’hekk il-klieb isiru ħbieb, kumpanija u wkoll membru tal-familja.