Team ġdid għall-presidenza taż-ŻAK għat-tliet snin li ġejjin

Intgħażlu l-president u l-viċi president li se jkunu qed imexxu lill-għaqda Żgħażagħ Azzjoni Kattolika ż-ŻAK fit-tliet snin li ġejjin.
Wara proċess ta’ nomini fost il-membri li għalqu t-tmintax-il sena, Rosianne Buhagiar intgħażlet bħala l-President ta’ din l-għaqda, filwaqt li l-Viċi President taż-ŻAK se tkun Chantel Formosa. 
Il-President taż-ŻAK Rosanne Buhagiar għandha 29 sena u taħdem bħala Psychology Assistant fejn ilha fl-għadqda madwar 15-il sena.
Hija ddeskriviet ż-ŻAK bħala organizzazzjoni ħajja taż-żgħażagħ li dejjem trid tibqa’ miftuħa, u li tadatta għaż-żminijiet mingħajr ma tinsa l-għeruq tagħha u dak li taħdem għalih. 
Il-Viċi President Chantel Formosa għandha 21 sena u hija studenta tat-tielet sena fl-Università ta’ Malta fejn qed tistudja Accounts u Banking. Ilha membru fiż-ŻAK għal dawn l-aħħar għaxar snin. Qalet li fis-snin li ġejjin jridu jissaħħu relazzjonijiet iktar sodi bejn iċ-ċentri, u temmen li ż-ŻAK għandu jkun iktar aċċessibbli għall-persuni li jagħmlu parti minn xi minorità jew għandhom diżabbiltà.
Huma se jkunu qed jokkupaw dawn il-karigi sal-2021.