Tbigħ jew tpejjep dawn is-sigaretti?

Attent jekk tbigħ jew tpejjep Business Royals, American Legend, Tradition U Manchester għax tista’ tidħol fl-inkwiet.
Id-Dwana qed tavża li dawn it-tip ta’ sigaretti ddaħħlu f’Malta b’mod illegali.
Fi stqarrija, id-Dipartiment tad-Dwana, qal li msaħħaħ mid-diversi suċċessi li qiegħed jesperjenza f’dawn l-aħħar xhur, kif ukoll minn sentenza mogħtija mill-Qorti fejn persuna ġiet immultata €13,082 u mibgħuta sitt xhur ħabs, se jkun qiegħed jeskala b’mod estensiv il-ġlieda tiegħu kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti.
Żied jgħid li din il-ġlieda se tkun mifruxa fuq tliet livelli: kemm fuq id-dħul tagħhom fil-pajjiż; kemm fuq il-bejgħ u l-moviment tagħhom fis-suq, kif ukoll fuq il-konsum tagħhom mill-pubbliku.
Id-Dipartiment tad-Dwana jwissi li fil-mira tiegħu, fl-eskalazzjoni tal-ġlieda kontra s-sigaretti li fuqhom ma tkunx tħallset taxxa tas-Sisa, se jkun hemm:

  • kull tip ta’ negozju, anki dawk li mhux soltu jbigħu prodotti tat-tabakk;
  • hawkers u bejjiegħa fis-swieq;
  • każini ta’ kull xorta, saħansitra dawk politiċi, sportivi u tal-banda;
  • sidien ta’ opri tal-baħar kif ukoll baħħara; u
  • individwi, djar residenzjali, garaxxijiet, imħażen, u vetturi privati li, mill-informazzjoni li ilu jiġbor id-Dipartiment, jistgħu jkunu parti minn din l-attività illegali.

Huwa fakkar li skont ir-Regolamenti tat-Tabakk Manifatturat:

  1. ħadd ma jista’ jakkwista jew ikollu fil-pussess tiegħu sigarretti jew xi prodott tat-tabakk ieħor li fuqhom ma jkunux tħallsu t-taxxi;
  2. ma għandhomx jiġu offruti għal konsum, ebda sigarretti kemm-il darba il-pakkett ma jkunx issiġillat b’bolla maħruġa mid-Dwana;
  3. kull kwantità ta’ sigarretti jew tabakk li jinstabu fil-pussess ta’ persuna bi ksur tar-regolamenti tiġi konfiskata favur il-Gvern; u
  4. il-multa minima għal min jinqabad b’pussess ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, hu kemm hu żgħir l-ammont, anki sigarett wieħed, hija ta’ €250 minbarra t-taxxi  involuti.