“Tbeżżgħux lil uliedkom bid-Djar tat-Tfal” – Andrew Azzopardi

Andrew Azzopardi, li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja, Ejjew Għandi, appella lill-ġenituri biex ma jbeżżgħux lil uliedhom bid-djar tat-tfal, jew kif ħafna jsejħulhom istituti, meta jkunu qed jikkoreġuhom.
Waqt il-programm Għidli Dwarek, fuq RTK, Azzopardi insista, aktar minn darba, li t-tfal residenti fil-ħamest idjar immexxija mill-Kummissjoni, mhumiex inferjuri għat-tfal l-oħra li jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Żied jgħid li l-Kummissjoni tipprova tqajjem għarfien dwarha.
Spjega li jistgħu jinġabru eluf ta’ ewro għal dawn id-djar iżda jekk għada pitgħada dawn it-tfal se jħossuhom inferjuri, ix-xogħol li jkun sar se jkun kollu għalxejn.
“Jekk se nagħtu l-impressjoni li dawn huma t-tfal tal-istitut u huma jaħasra u msieken, meta se jikbru u jiġu biex jagħmlu l-ħbieb, se jħossuhom inferjuri minn tfal oħra,” saħaq Azzopardi. “Din mhijiex l-esperjenza tat-tfal residenti fid-djar tagħna.”
Għalhekk, Andrew Azzopardi insista wkoll li dawn id-djar tat-tfal ma għandhomx jissejħu istituti, għax fi kliemu, it-tfal residenti fihom mhumiex istituzzjonalizzati.
Spjega li fiż-żmien, id-djar tat-tfal kienu jilqgħu fihom għadd kbir ta’ tfal u għalhekk ir-residenti kienu “numru.”
Mill-banda l-oħra, illum l-għadd ta’ residenti fid-djar tat-tfal ikun żgħir, fejn tingħata importanza biex l-aħwa jibqgħu flimkien. Irrimarka li r-relazzjoni bejn l-aħwa hija importanti speċjalment meta wieħed jikber.
“Ir-relazzjonijiet jinbnew maż-żmien,” saħaq Azzopardi. “Jekk l-aħwa ma jgħixux flimkien dawn se jipiċċaw stranġieri.”
Spjega li f’residenzi hemm saħansitra gruppi ta’ ħames aħwa u għalhekk dawn id-djar joffrulhom ambjent ta’ familja.
Insista li meta wieħed ikun sempliċiment numru, jista’ qed jgħix f’ambjent sigur iżda hemm effetti negattivi, anke psikoloġiċi.
Andrew Azzopardi insista li dawn it-tfal jingħataw l-għajnuna mhux b’karità għax huma “imsieken” kif isejħulhom xi wħud, imma għax “huma t-tfal tal-istat” u allura s-servizz li jingħataw huwa dritt fundamentali tagħhom.