Tazza tad-Dinja: Il-finali llejla

Illum tintlagħab il-finali tant mistennija tat-Tazza tad-Dinja, biż-żewġ timijiet jissieltu għat-tazza jkunu Arġentina u Ġermanja.
Wara li lbieraħ sar magħruf liema huma t-timijiet fit-tielet u r-raba’ post, bl-Olanda u l-Brazil, rispettivament, illejla nsiru nafu liem huwa t-tim rebbieħ ta’ din l-edizzjoni.
Partita missielta bejn il-Argentina u l-Germanja b’dawn tal-aħħar jittamaw li bħall-Brazil fl-1994 u l-Italja fl-2006, ikun imiss lilhom wara 24 sena. 
Madankollu, l-Ġermanja, żgur li ser tkun ta’ għadma iebsa hekk kif sa issa it-tim immexxi minn Joachim Löw kien wieħed mill-aktar timijiet li żamm prestazzjoni tajba b’mod kontinwu. 
Attenzjoni partikolari, żgur li qed taqa’ fuq Lionel Messi, deskritt mill-coach Alejandro Sabella, bħala “l-ilma fid-deżert”.  In-numru 10 tal-Arġentina, qed jiġi mqabbel ma Maradona, idolu kbir kemm fuq livell lokali għall-Arġentina kif ukoll fuq livell mondjali.
Interessanti l-fatt li fl-Ingilterra, minkejja li t-team ġie eliminat minn din il-kompetizzjoni, xorta jidher li hemm interess kbir.  Dan hekk kif inkisret ir-rekord ta’ kemm saru imħatri f’dak li huwa kompetizzjonijiet tal-futboll.  Huwa stmat li aktar minn €50 miljun intefqu f’imħatri fuq il-partita tal-lejla biss. 
Intant, skont David Beckham, it-team rebbieħ ser ikun Argentina hekk kif qed ibassar li l-iskor finali ser ikun dak ta’ 3 – 1 bit-telliefa jkunu l-Ġermanja.