Operaturi tat-trasport Maltin f’Għawdex fil-Karnival; “inġustizzja mal-Għawdxin”

Read in English.

Ix-xufiera tat-taxis Għawdxin ħassew li saret inġustizzja magħhom meta operaturi tat-trasport Maltin offrew servizz f’Għawdex tmiem il-ġimgħa li għaddiet, waqt il-jiem tal-Karnival.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt stqarrew li madwar 80 operatur ibbażati f’Malta offrew is-servizz tagħhom il-weekend li għadda. Dan qajjem furur qalb l-operaturi tat-trasport, partikolarment fost dawk tat-taxis il-bojod.

Xufiera Għawdxin li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet esprimew ir-rabja tagħhom lejn dik li sejħulha “inġustizzja” magħhom. Qalu li jekk ma jsirx qbil bil-miktub li jassigura li xi ħaġa bħal din ma terġax tiġri, huma lesti jidħlu l-qorti, peress li din tathom daqqa ta’ ħarta fin-negozju tagħhom. Huma spjegaw kif il-weekend tal-Karnival huwa importanti ħafna għalihom finanzjarjament.

Fir-reazzjoni tagħha għal din l-aħbar, l-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) appellat lill-awtoritajiet biex jiggarantixxu li jkun hemm lok fejn l-operaturi kollha jaħdmu fis-settur tat-trasport b’mod ġust.

Il-GTA ħarġet stqarrija li fiha appellat lill-awtoritajiet biex jassiguraw li l-liġi li ma tippermettix li xufiera Maltin joffru s-servizz Għawdex, u viċiversa, mingħajr buking, tiġi mħarsa.