“Tat-tħassib meta argument jiħrax onlajn”

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, jispjega kif wieħed mill-inkwiet tal-Caritas hu dwar kif qed jintilef is-sens tal-ġid komuni u kif persuni qed jirraġunaw li jekk xi ħaġa hi tajba għalihom, ma jimpurtahomx mill-oħrajn. Semma kif l-internet fih il-perikli tiegħu u n-nuqqas ta’ diżgwid jiħrax ladarba argument ikompli onlajn u jidħlu fih għadd ta’ persuni.

Qal li n-nuqqas ta’ mogħdrija u solidarjetà qed jipperikolaw il-fibra tas-soċjetà. Jispjega li fejn qabel argument kien isir wiċċ imb wiċċ u żewġ persuni jaffrontaw il-problema bejniethom, illum problema qed titkabbar meta tittieħed onlajn.

Anthony Gatt huwa Psikologu, u ilu 20 sena jaħdem fil-qasam tal-għajnuna u dawn l-aħħar 3 snin mexxa l-qasam tal-Caritas għar-rijabilitazzjoni mid-droga.

X’inhuma l-isfidi fit-tranżizzjoni għal irwol ġdid?

Anthony Gatt jispjega kif fil-Caritas kien qed imexxi l-qasam tas-servizzi u programmi għar-rijabilitazzjoni mid-droga – fejn il-Caritas toffri firxa ta’ servizzi. Jgħid li l-irwol tat-tmexxija hu għal qalbu għax hu mod kif tagħti servizz lill-organizzazzjoni li għandha rwol li tkun vuċi għal min hu emarġinat. Iċċara li bħal kull persuna li għandha forma ta’ poter, fi kliem sempliċi trid tkun b’saħħtek u toffri sigurtà, trid tkun taf x’qed tagħmel u fejn trid tasal, persuna taf li se ssib min jifhimha, min se jagħtiha spazju tesprimi ruħha u fl-aħħar mill-aħħar se tiddeċiedi meta jkun hemm bżonn. Qal li fil-Caritas hemm lussu kbir li hemm grupp kbir ta’ nies professjonali li qabelxejn għandhom qalb kbira – fil-kariga ta’ Direttur dan hu xogħol li jġorru flimkien mal-istaff u t-tmexxija u l-voluntiera, kif ukoll il-Gvern li jagħti appoġġ ukoll, u entitajiet li l-Caritas taħdem magħhom fil-viċin għall-ġid tas-soċjetà.

Il-Caritas kif se tkompli tissaħħaħ?

Id-Direttur ġdid tal-Caritas jispjega li dak li jmexxi l-Caritas huwa l-bniedem fil-bżonn. Qal li bħal fl-irwol tiegħu bħala psikologu meta jmur xi ħadd għall-għajnuna, jimxi skont il-bżonn tal-persuna u mhux fuq dak li jħossu komdu jew tajjeb fih. Finalment, spjega li l-viżjoni hi ċċentrata fuq il-bniedem u l-bżonnijiet tiegħu.

Filwaqt li spjega li l-qasam tad-droga għal qalbu ħafna, il-Caritas mhix hemm biss għal min għandu problema tad-droga imma toffri wkoll firxa ta’ servizzi bħal counselling u social work b’mod ġeneriku.