Tat daqqa ta’ charger lil bintha; ordni biex tinżamm ‘il bogħod

Omm tifla ta’ 9 snin ingħatat il-libertà proviżorja wara li allegatament weġġgħet lil bintha f’wiċċha permezz ta’ wire li jiċċarġja l-mobiles.

Fil-Qorti, il-Marokkina ta’ 45 sena dehret quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużata li darbet ħafif lil bintha, li kkawżatilha biża’, u li eċċediet il-limitu tad-dmir ta’ ġenitur biex tikkoreġi lit-tifla.

Il-każ ġie rrappurtat mill-għalliema tal-iskola tat-tifla meta nnutaw daqqiet fuq il-ġilda tagħha. Mal-ewwel infurmaw lill-aġenzija Appoġġ li sejħet għall-intervent tal-Pulizija.

Bħalissa t-tifla tinsab taħt kustodja residenzjali ‘l bogħod minn ommha.

Il-Marokkina li toqgħod il-Mellieħa u taħdem bħala seftura, dehret fil-qorti bid-dmugħ f’għajnejha, u wiegħdet li mhux se terġa’ tagħmel xi ħaġa simili. Qalet li l-għan tagħha kien biss li tikkoreġi lit-tifla.

Il-Qorti tatha l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000, u protection order li ma tistax tara jew tikkomunika ma’ bintha bl-ebda mod sakemm tinqata’ s-sentenza.

Il-Qorti qalet ukoll li qed jiġi projbit ix-xandir ta’ isem l-omm fl-interess tal-minorenni.