Task Force biex iħejji lil Għawdex għal wara l-pandemija

Beppe Galea

Għawdex se jkollu Task force li permezz tiegħu se titfassal strateġija ħolistika għal Għawdex għall-perjodu ta’ wara l-pandemija tal-coronavirus. Id-deċiżjoni tat-twaqqif tat-Task Force ttieħdet waqt laqgħa virtwali tal-Kumitat Reġjonali Għal Għawdex li inżammet nhar il-Ħamis li għadda.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin li laqgħet din l-aħbar b’mod pożittiv, qalet li t-Task Force se jkollu l-ispazju li jaħdem fuq strateġija viżjonarja kif ukoll strateġija li jirnexxielha toħloq synerġiji bejn l-aspirazjonijiet tas-setturi kollha li jifformaw is-soċjetà Għawdxija.

Intqal li b’hekk il-gżira reġjun ta’ Għawdex tkun attrezzata aħjar biex tilqa’ u tavvanza l-isfidi ġodda li n-normalità ġdida ta’ wara l-pandemija tal-Covid-19 se iġġib magħha.  

Il-proposta ġiet mressqa minn Dr Sean Zammit, wieħed mill-membri tad-delegazjoni tal-Assoċjazzjoni fuq il-Kumitat Reġjonali.

Waqt li tawgura li l-isemmija ‘Task Force’ tibda il-ħidma tagħha fl-iqsar żmien possibli, l-Assoċjazzjoni qalet li tistenna li fil-proċess tat-tfassil tal-istrateġija jkun hemm żmien biżżejjed biex jagħti lok għal konsultazzjoni mill-iktar wiesa, b’parteċipazzjoni attivà u kostruttiva fejn kull vuċi għandha tiġi mismugħa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn