Tasal sal-Parlament il-kontroversja dwar il-pizza fl-Aħħar Ċena

Wara li fl-aħħar jiem qamet kontroversja dwar il-parodija tal-pittura  ta’ Leonardo da Vinci, l-Aħħar Ċena, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo iddeskriva dan il-każ bħala riżultat dirett tat-tneħħija tal-liġi tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon Kattolika.
Il-każ beda jiem ilu, meta fi Skate Park fl-Imsida tpoġġa billboard kummerċjali, twil 12-il metru, li juri lil Kristu u lill-Appostli jieklu pizza, burger, chips u milkshake.
Ir-riklam qajjem kontroversja sħiħa, bil-membri tal-Għaqda Patrijotti Malti, grupp tal-lemin estrem, jieħdu l-liġi b’idejhom u jqattgħu wiċċ Kristu minn fuq ir-riklam.
Intant, waqt l-aġġornament tal-Parlament, Ivan Bartolo qal li wara t-tneħħija tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon, f’isem il-libertà tal-espressjoni, opri tal-arti li għandhom sinifikat reliġjuż, se jibdew jintużaw għal skopijiet li jistgħu jweġġgħu s-sentimenti.
Huwa qal li llum il-pajjiz beda jara l-effetti tat-tneħħija ta’ din il-liġi. Sostna li dan ghadu biss il-bidu ta’ dak li ghad irid jigi.
Bartolo kompla jgħid li l-Membri Parlamentari qed jidhru qishom qed jagħtu dak li hu sejjaħ bhala kummiedja fuq il-palk, għax waqt li wieħed jista’ jwaqqa’ għaċ-ċajt lil Kristu, lil Muhammed u lil Buddha, jekk l-istess persuna tikteb xi ħaġa fuq il-Prim Ministru jew membru Parlamentari ieħor, dan jista’ jeħel multa u ħabs.
Wissa kontra l-estremizmu u qal li atti li jistgħu jintqiesu bħala provokatorji jistgħu jkunu attribwiti lil gruppi li jkunu sajma għal kollox minn dawn l-atti.
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna kellu kliem iebes dwar dan ir-riklam li ddeskrivih bħala “bad taste.”
Min-naħa tiegħu, is-sid ta’ New York Best, Tommy Diacono, qal li minn dakinhar li twaħħal il-billboard irċieva numru kbir ta’ telefonati anonimi u anke theddid iżda saħaq li mhux se jkun qed jirraporta lill-Pulizija.
Qal li lanqas mhu se jirraporta dak li qed jissejjaħ bħala att ta’ vandaliżmu fuq il-billboard.