Tasal Malta mediċina alternattiva tal-pressjoni

Fl-aħħar sigħat wasal ammont tal-mediċina Canderstan li hija mediċina alternattiva għal Valsartan, mediċina li tintuża biex tiġi kontrollata l-pressjoni għolja u għal problemi kardjovaskulari.

Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-Gvern qiegħed fil-proċess li jirċievi stock ieħor tal-Canderstan il-ġimgħa d-dieħla.

Qalet li dan se jiġi mqassam mal-ispiżeriji kollha “biex ikunu koperti l-pazjenti kollha li qegħdin fuq din il-mediċina.”

Spiżeriji madwar l-Ewropa ġew avżati biex jirtiraw il-pilloli tal-valsartan. Dan minħabba biża’ ta’ traċċi ta’ kimika li tista’ tikkawża l-kanċer.

Sakemm ma jinħariġx avviż ieħor, l-Awtorità tal-Mediċini qalet li l-pazjenti m’għandhomx iwaqqfu dawn il-mediċini għal għarrieda.

L-awtoritajiet tas-Saħħa Maltin kienu bdew il-proċess biex jinġiebu f’Malta mediċini tal-Valsartan minn kumpaniji alternattivi. Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, qalu li potenzjalment l-istess impurità tista’ tkun f’pinnoli ġejjin mill-Indja ukoll.