Tasal Malta l-ewwel titjira tal-linja tal-ajru Transavia.com

Il-bieraħ filgħaxija waslet f’Malta l-ewwel titjira tal-linja tal-ajru low cost Transavia.com minn Pariġi. Kif inhi t-tradizzjoni, malli l-ajruplan għamel l-inżul tiegħu għall-ewwel darba fuq ir-runway f’Malta, huwa ntlaqa’ minn żewġ inġenji tat-tifi tan-nar tal-ajruport fejn akkumpanjawh bi tfigħ tal-ilma.

Jilqgħu lill-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella, l-Ambaxxatur Franċiż għal Malta Michel Vandepoorter, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-MIA Markus Klaushoffer.

Il-passiġġieri ngħataw qronfla tal-okkazjoni filwaqt li fi sfond ta’ daqq tradizzjonali Malti minn persuni lebsin il-kostum tradizzjonali, kien servut ukoll kejk bl-immaġini ta’ parti mill-fdalijijet storiċi ta’ Malta u tat-torri Effel ta’ Franza.

Il-linja tal-ajru Transavia.com mistennija tibda topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa minn Pariġi kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis.

Sadanittant, matur ix-xahar id-dieħel, erba’ linji ġodda tal-ajru mistennija jibdew joperaw titjiriet lejn Malta fosthom l-Air Baltic minn Riga, il-Wizz Air minn Budapest u t-Turkish Airlines minn Istanbul.