Filmat: Tasal l-ewwel konsenja ta’ lbies protettiv

Ilbieraħ waslet l-ewwel konsenja kbira ta’ lbies protettiv f’Malta għall-ħaddiema tas-saħħa.

Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq il-mezzi soċjali, fejn huwa xerred ritratti tal-konsenja hi u titniżżel minn fuq l-ajruplani.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li lbieraħ filgħaxija wasal Malta l-ewwel ajruplan minn tmienja li qed torganizza l-Air Malta flimkien mal-Qatar Airways għac-Central Procurement and Supplies Unit f’Malta (CPSU). Fuq medda ta’ tmien vjaġġi se jkunu qed jinġiebu f’Malta mat-800,000 kilo ta’ provvisti mediċi.

S’issa Malta għandha 221 każ attiv tal-coronavirus, wara li lbieraħ is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci ħabbret żewġ każijiet ġodda: mara ta’ 60 sena li taħdem bħala carer f’San Vinċenz De Paule u raġel ta’ 43 sena li jaħdem fil-privat u mar għax-xogħol wara li beda juri xi sintomi. It-tnejn huma Maltin. Apparti hekk, fiequ 19-il persuna oħra.

Fil-bulettin maħruġ mill-Gvern ilbieraħ filgħaxija, l-awtoritajiet appellaw lin-nies biex ma jillaxkawx għax ġej il-weekend, u joħorġu xorta waħda. Saħqu li s-sagrifiċċju li sar biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus m’għandux itir mar-riħ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn