Tasal fi tmiemha l-karriera tal-futbol għal André Schembri

André Schembri ħabbar fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li se jkun qed jirtira mil-logħob tal-futbol fuq livell professjonali. Saħaq li jħoss li hu ż-żmien opportun li jieqaf mill-futbol u jiffoka fuq aspetti differenti tal-logħba. Schembri kien ilhu 13-il sena jilgħab il-futbol b’mod professjonali.

Schembri qal li għat-tim li qed jilgħab miegħu bħalissa, Chennaiyin FC, dan hu żmien sabiħ ħafna. Spjega kif din is-sena rnexxielhom jilħqu l-finali u li jinsabu ffukati għal-logħba l-aktar kruċjali ta’ dan l-istaġun.

This is a great time for all of us at Chennaiyin FC. We have reached another final, and we are totally focused on the…

Posted by André Schembri on Monday, March 9, 2020

Saħaq li hu kuntent ħafna bil-vjaġġ tiegħu madwar l-Ewropa u fl-Asja. Stqarr li qatt ma kienet faċli għalih li jitlaq minn pajjiż tant żgħir bħal Malta biex jipprova jikseb suċċess fl-isport li tant iħobb b’mod professjonali. Qal li hu propju minħabba dan li hu grat tant lejn dawk kollha li b’xi mod għenuh tul dawn l-aħħar 13-il sena. Hu rringrazzja wkoll lil familtu, l-ġenituri tiegħu u lil sħabu li kontinwament wrewh sapport u nkoraġġewh.

Stqarr li qed iħoss diversi emozzjonijiet f’dan il-mument, iżda żgur li hu eċitat ferm biex jilgħab l-aħħar logħba tiegħu. Wiegħed li se jkun qed jagħmel dak kollu li jista’ biex flimkien ma’ sħabu ta’ Chennaiyin jirbħu t-tazza.